Terapiji

Incredible Years

Il-programm Incredible Years® ibbażat fuq ir- riċerka, għall-Programmi ta’ Taħriġ BAŻIKU għall-Ġenituri ta’ tfal ta’ Età Skolastika (Etajiet 6-12-il sena) jiffoka fuq l-għajnuna lill-ġenituri biex jiksbu l-ħiliet biex inaqqsu l-imġieba ta’ sfida fit-tfal u jżidu t-tagħlim soċjali emozzjonali u l-ħiliet ta’ kontroll tagħhom infushom. Il-programmi nstabu li huma effettivi biex isaħħu l-ħiliet ta’ tmexxija tal-ġenituri, it-titjib tal-kompetenza emozzjonali soċjali tat-tfal, ir-regolazzjoni tal-emozzjonijiet, u t-tlestija għall-iskola, u t-tnaqqis tal-problemi tal-imġieba. L-evidenza turi li l-programmi tejbu l-imgieba sa 80 fil-mija tat-tfal tal-ġenituri u l-għalliema li pparteċipaw.

Cygnet

Cygnet huwa programm ta’ appoġġ fi grupp għall-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb it-tfal, għat-trobbija tat-tfal u ż-żgħażagħ ta’ bejn is-7 u t-18-il sena b’dijanjosi li huma fuq l-ispettru tal-awtiżmu. Meta tfal jirċievu dijanjosi tal-awtiżmu, il-ġenituri tagħhom ħafna drabi jsibuha diffiċli biex jifhmu l-kundizzjoni u l-impatt tagħha fuq l-imġiba tat-tfal. Minħabba f’hekk, il-ġenituri huma mistiedna jfittxu l-għajnuna permezz ta’ dan il-grupp biex jiksbu fehim aħjar tal-awtiżmu u strateġiji li jgħinuhom jindirizzaw dawn id-diffikultajiet. Is-sessjonijiet idumu madwar 2.5 sigħa kull wieħed u iseħħu darba kull ġimgħa għal ħames ġimgħat.

Terapija Djalettika tal-Imġieba

It-terapija djalettika tal-imġieba (DBT) hija psikoterapija bbażata fuq ir-riċerka li tista’ tkun utli fit-trattament ta’ disturbi borderline tal-personalità, disturbi tal-burdata, ideat suwiċidali, meta jkun hemm tibdil fit-tip ta’mġieba bħal meta wieħed jagħmel ħsara lilu nnifsu, u f’każijiet ta’ abbuż minn sustanzi. DBT tgħaqqad tekniki standard konjittivi tal-imġieba għar-regolazzjoni tal-emozzjonijiet u l-ittestjar tar-realtà ma’ kunċetti ta’ tolleranza ta’ansjetà kbira, aċċettazzjoni u għarfien konxju. Fiha 4 moduli li jikkonsistu f’regolazzjoni emozzjonali, tolleranza ta’ ansjetà kbira, effettività interpersonali u li tkun konxju ta’ madwarek. Kull modulu jinvolvi 7 sessjonijiet fil-ġimgħa ta’ sagħtejn kull wieħed u l-gruppi ta’ ġenituri u adolexxenti jitmexxew fl-istess ħin.

Problemi ta’ kontroll ta’ rabja

It-terapija tal-grupp għall-kontroll ta’ rabja hija mmirata għaż-żgħażagħ ta’ bejn it-8 u t-18-il sena. L-għan tal-grupp huwa li tagħti lit-tfal u lill-adolexxenti b’dijanjosi ta’ disturb ta’ sfida oppożizzjonali, ADHD, disturb ta’mġieba eċċ il-ħiliet meħtieġa biex ikunu jistgħu jikkontrollaw aħjar it-tbaqbieq tar-rabja tagħhom f’kuntesti differenti. Il-professjonist iwettaq sessjonijiet ta’ screening individwali kemm mat-tfal/adolexxenti kif ukoll mal-ġenituri/dawk li jieħdu ħsieb it-tfal u adolexxenti. Il-ġenituri/persuni li jieħdu ħsiebhom huma mistiedna għal laqgħa ta’ informazzjoni sabiex jingħataw informazzjoni dwar il-programm u l-ħiliet użati sabiex iż-żagħżugħ jiġi appoġġjat aktar biex jikkontrolla r-rabja tiegħu. Wara li i-programm tal-grupp jinbeda, jsiru sessjonijiet ta’ kull ġimgħa għal 7 ġimgħat (siegħa fil-ġimgħa).

CAPES and CHIT

CAPES (Servizzi ta’ Emerġenza Psikjatrika tat-Tfal u l-Adolexxenti) huwa servizz ta’ emerġenza ta’ 24 siegħa ,7 ijiem fil-ġimgħa, li joffri valutazzjonijiet għal tfal u żgħażagħ minn 3 sa 18-il sena li jippreżentaw bi disturbi mentali akuti. Dan ifisser li l-istat mentali huwa sever biżżejjed biex il-persuna tħoss li ħajjitha jew il-ħajja ta’ ħaddieħor tista’ tkun f’periklu u għalhekk teħtieġ attenzjoni immedjata.

It-timijiet CHIT (Intervent fi Kriżi u Trattament fid-Dar) huma tim ta’ servizz assertiv fil-komunità li joffri intervent intensiv liż-żgħażagħ li jew reċentement ikunu ħarġu minn kura in-patient jew inkella attendew il-CAPES u jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex jindirizzaw il-bżonnijiet tas-saħħa mentali tagħhom fil-komunità. L-intervent ta’ dan is-servizz huwa offrut għal tul massimu ta’ 4 ġimgħat, wara li ż-żagħżugħ jiġi riferut lis-CYPS għal kura ta’ segwitu.

It- Taqsima taż-Żgħażagħ – YPU huwa servizz Tier 4, li joffri interventi ta’ trattament intensiv għaż-żgħażagħ li qed ibatu minn disturbi mentali severi b’riskju għalihom infushom jew għal ħaddieħor. Il-YPU tipprovdi valutazzjoni u trattament għaż-żgħażagħ li għandhom bżonnijiet kumplessi tas-saħħa, tal-imġieba u emozzjonali. Dan iċ-ċentru joffri firxa ta’ faċilitajiet terapewtiċi edukattivi, soċjali u rikreattivi. L-ethos tal-YPU huwa li joffri ambjent kalm u terapewtiku, li jiżgura li ż-żgħażagħ jesperjenzaw rutina ordinarja matul iż-żjara tagħhom billi jisseparaw l-ispazju tal-għajxien u dak edukattiv.

Is-servizzi kollha msemmija hawn fuq huma bla ħlas.

Dettalji ta’ Kuntatt:
YPU Tel: +356 2330 4861
CAPES Mob: +356 7920 2091